|
Għanijiet:
Is-Servizzi ta' Ħidma Soċjali jfittxu li jmexxu 'l quddiem il-ħsieb li l-persuna b'diżabbilta' tingħaraf bħala membru sħiħ tas-soċjeta'. Il-għan ewlieni hu li jgħinu lill-persuni b'diżabbilta' jiksbu d-drittijiet tagħhom kollha, u jħaddmu d-dritt li għandhom li jkunu ċittadini attivi fil-komunita' fejn jgħixu. Is-Servizzi ta' Ħidma Soċjali ta' l-Aġenzija SAPPORT għandhom fehma sħiħa li bis-sehem u l-kontribut tal-persuna b'diżabbilta' l-komunita' għandha x'tirbaħ: għalhekk jaħdmu biex imexxu 'l quddiem l-idea ta' dan is-sehem.
Is-Servizzi ta' Ħidma Soċjali jaħdmu ma' persuni b'diżabbilta' u mal-familji tagħhom jew dawk li jieħdu ħsiebhom biex iħollu l-problemi soċjali tagħhom b'mod effettiv. Huma jwieġbu għal kull talba ta' servizz u jqisu kif jistgħu jilħqu l-għanijiet tal-klijent/a u/jew il-familja tiegħu/tagħha u/jew min jieħu ħsiebu/ha billi jqisu x'inhu meħtieġ, u jagħmlu interventi għal żmien qasir jew twil skond il-bżonn.
Skond il-policy tal-Aġenzija li tilħaq il-persuna fl-aspetti kollha tagħha, is-Servizzi ta' Ħidma Soċjali jfittxu li jagħtu servizzi ta' sapport meqjusin għal kull persuna, hekk li jwasslu u jagħtu l-ħila lill-persuna b'diżabbilt li tilħaq il-viżjoni, il-ħolm u t-tamiet ta' ħajjitha u ttejjeb l-għamla ta' ħajja li tgħix.
Deskrizzjoni:
Is-Servizzi ta' Ħidma Soċjali jipprovdu dan li ġej:
- Dħul : iwieġbu għat-talbiet ta' servizz u jqisu kif se jmexxuhom.
- Koordinazzjoni: jagħtu sapport lill-persuni b'diżabbilta' u/jew lill-familji tagħhom jew dawk li jieħdu ħsiebhom f'kulma jsir biex jittieħdu deċiżjonijiet fuqhom, u jikkoordinaw l-għoti ta' servizzi kemm formali kif ukoll ta' xorta oħra.
- Jaqbżu għall-klijent: jaqbżu għal u jieqfu mal-persuna b'diżabbilta' fejn id-drittijiet għas-servizzi jew opportunitajiet oħra tagħha jkunu se jintilfu jew jistgħu jintilfu. Dan is-servizz jinkludi għajnuna lil nies b'diżabbilta' biex jieħdu sehem f'kull qasam ta' ħajja komunitarja (edukazzjoni, impieg, rikreazzjoni, ħajja fid-dar, ħajja soċjali, eċċ).
- Faċilitazzjoni Individwali jew fi Gruppi: jagħmlu laqgħat kemm għal persuni kif ukoll għal gruppi ta' persuni b'diżabbilta' u/jew il-familji tagħhom jew dawk li jieħdu ħsiebhom biex jgħinuhom ifittxu u jiżviluppaw modi ġodda kif jiffaċċaw sitwazzjonijiet iebsa.
- Tgħarbil u Assessjar: jgħarblu u jassessjaw kif ikun meħtieġ fl-oqsma ta' sehem fil-komunita', soċjali, emozzjonali, edukazzjoni u impiegi.
- Reviżjoni: jmexxu u/jew jieħdu sehem fir-reviżjonijiet li jsiru kull tant żmien biex jiżguraw li s-servizz li jingħata, kemm għall-klijenti tal-Komunita' kif ukoll Residenzjali, u lill-klijenti tas-Servizzi ta' Ħidma Soċjali, ikun effettiv.
|