|
Għanijiet:
L-Aġenzija SAPPORT tqis is-Servizzi ta' Riżorsi bħala s-sinsla tas-Servizzi fil-Komunita' u Residenzjali li toffri. Mad-deċiżjoni li jingħata s-servizz, il-membri tar-Resource Team iżommu l-persuna taħt għajnejhom minn meta jsir l-assessjar sakemm jibda jingħata s-servizz, u wara dan, fir-reviżjonjiet li jsiru regolarment skond il-pjan.
Is-Servizzi ta' Riżorsi jassessjaw u jqisu, permezz tal-Person Centred Planning (jiġifieri, ppjanar iċċentrat fuq il-persuna), nies b'diżabbilta' li ngħataw jew qegħdin jirċievu servizzi tas-SAPPORT, u jfasslu pjan ta' intervent biex jgħinu lill-individwi b'diżabbilta' u l-familja tagħhom jew min jieħu ħsiebhom biex jilħqu l-għanijiet li jixtieq.
Skond il-policy tal-Aġenzija li tilħaq il-persuna fl-aspetti kollha tagħha u li l-ippjanar ikun iċċentrat fuq il-persuna, is-Servizzi ta' Riżorsi jaħdmu id f'id mal-persuna b'diżabbilta', u fl-istess ħin jagħmlu ħilithom biex joffru sapport individwali li jwassal u jagħti l-ħila lill-persuna b'diżabbilta' li tilħaq il-viżjoni, il-ħolm u t-tamiet ta' ħajjitha u ttejjeb il-livell ta' ħajja li tgħix.
Deskrizzjoni:
Is-Servizzi ta' Riżorsi tal-Aġenzija SAPPORT jingħataw minn tim ta' professjonisti bl-ogħla kwalifiki fil-qasam ta' diżabbilta' li jaħdmu fiha. Dawn huma s-Supervisors u l-Professional Support Workers. Is-Supervisors jgħassu biex jiżguraw li s-servizzi mexjin skond il-mission statement tal-Aġenzija. Għalhekk jaraw li d-drittijiet tal-klijenti huma rispettati u li l-għamla ta' ħajja tagħhom qiegħda titjieb, u jipprovdu għat-taħriġ, superviżjoni, u direzzjoni tal-impjegati. Il-Professional Support Workers jgħinu lis-Supervisors f'ħidmiet bħal tqassim tal-istaff, laqgħat għall-istaff, u fl-istess ħin għandhom kuntatt dirett mal-klijenti fil-programmi ta' kuljum, u meta jkun meħtieġ imorru magħhom f'xi appuntament ma' professjonista.
Dawn huma xi ftit mill-ħidmiet tas-Servizzi ta' Riżorsi:
- Jaraw li r-residenzi ta' SAPPORT u s-Servizzi fil-Komunita' mexjin sewwa. Dan isir permezz ta' Supervisors 'full-time' li jammistraw is-servizzi fir-Residenzi tal-Fgura u Ħal Kirkop, Residenza Vajrita' (l-ewwel u t-tieni sular), Villino Maria u l-Komunita';
- Iżidu s-sapport professjonali f'dawn is-servizzi permezz ta' Professional Support Workers oħra;
- Fejn ikun meħtieġ, jagħmlu assessjar professjonali fuq persuni b'diżabbilt li ġa qegħdin jieħdu servizzi tas-SAPPORT, jew li se jibdew jieħduhom;
- Jiżguraw li l-impjegati prinċipali, kemm fir-Residenzi kif ukoll fil-Komunita' jkollhom sapport xieraq, b'sistema ta' "on-call" (dejjem lesti għal meta jkunu msejħa) 24 siegħa kuljum, il-ġranet kollha tal-ġimgħa;
- Imexxu u/jew jieħdu sehem f'reviżjonijiet li jsiru regolarment biex jiżguraw li l-klijenti, kemm fil-Komunita' kif ukoll fir-Residenzi, ikollhom servizz effettiv.
|