|
Għanijiet:
Is-Servizzi Residenzjali jagħtu ċ-ċans lill-persuni b'diżabbilta' li jgħixu għal rashom jew ma' oħrajn, f'każi fejn m'għandhomx familja, jew l-ambjent tad-dar ma jippermettix. Dan is-sapport residenzjali jingħata f'appartamenti jew djar apposta li jistgħu jkunu r-residenzi ta' SAPPORT, id-dar tal-persuna stess, jew post ieħor li l-partijiet kollha jaqblu miegħu - iżda jrid ikun f'qasam milħuq mill-Aġenzija SAPPORT. Ir-residenti jitrawmu fil-ħiliet li jeħtieġu biex jgħixu fil-komunita', skond pjan ta' sapport imfassal għal kull persuna. Għalhekk jeħtieġ li l-klijent/a i/tkun taħt Person Centred Plan (li huwa pjan iċċentrat fuq il-persuna) biex jitqiesu sewwa l-ħtiġijiet tiegħu/tagħha, u jekk ikun il-każ, il-bżonn ta' tibdil fis-sura ta' sapport.
L-għan tas-Servizzi Residenzjali hu li jieħdu ħsieb il-klijenti u jwasslulhom is-sapport meħtieġ biex jilħqu l-ogħla livell li jistgħu fit-titjib tal-kwalita' ta' ħajjithom.
Deskrizzjoni:
Kull klijent jiġi klassifikat skond il-livell ta' sapport li jkun jeħtieġ: bażiku, ogħla, jew intensiv fil-każ ta' dawk li jeħtieġu persuna għalihom waħedhom biex tagħtihom sapport. Għaldaqstant il-proporzjon ta' staff ma' klijenti jista' jitbiddel minn residenza għal oħra, billi hu marbut mal-ħtiġijiet individwali tal-klijenti li jkunu jgħixu fiha.
L-istaff fir-residenzi jkun jikkonsisti f'Residential Supervisor wieħed flimkien ma' għadd ta' Support Workers li jaħdmu bix-xift, 24 siegħa kuljum, il-ġranet kollha tal-ġimgħa. Ir-Residential Supervisor ikollu l-għajnuna ta' Professional Support Worker.
Ir-residenti jsibu għajnuna fil-ħidmiet tal-ħajja ta' kuljum, u tagħlim ta' ħiliet li jeħtieġu fid-dar u biex isibu posthom fil-komunita', kif inhu maħsub fil-Person Centred Plan. Relazzjonijiet tal-klijenti ma' persuni oħra jitqiesu bħala importanti ħafna. Għalhekk il-klijenti nagħmlulhom il-qalb biex jibqgħu jew isiru minn ta' ġewwa mal-membri tal-familji tagħhom, ħbiebhom, u nies oħra li jistgħu jkunu ta' ġid.
Fejn jinsabu bħalissa s-Servizzi Residenzjali: Bħalissa l-Aġenzija qiegħda tagħti Servizzi Residenzjali f'ħamest idjar: il-Fgura, Ħal Kirkop, Wied il-Għajn, l-Imtarfa u Bormla. Jingħata wkoll sapport lil madwar 6 klijenti f'Dar Arka, Għawdex.
|