|
Q : Kif nista' nasal għas-servizzi tagħkom? A : Kull talba ta' servizz għandha ssir dirett lis-Servizzi ta' Ħidma Soċjali. Huma jagħtu lill-persuna kull informazzjoni li teħtieġ u jmexxuha dwar x'għandha tagħmel.
Q : Jekk jiena persuna b'diżabbilta' u neħtieġ għajnuna f'kamp li m'għandux x'jaqsam mad-diżabbilta' li għandi, nista' xorta waħda nsibha mis-Servizzi ta' Ħidma Soċjali? A : Is-Servizzi ta' Ħidma Soċjali twaqqfu biex jgħinu lin-nies f'kull problema li għandha x'taqsam mad-diżabbilta' kif ukoll f'kull problema oħra li jistgħu jiltaqgħu magħha. Iżda fejn jidhrilhom li jaqbel aktar, jistgħu jibagħtu lill-individwu għand servizz aktar speċjalizzat jew professjonali. Barra minn hekk, il-bniedem b'diżabbilta' għandu d-dritt ta' kuntatt dirett ma' kull Servizz ta' Ħidma Soċjali.
Q : Wara l-kuntatt tal-bidu, meta jibdew jagħtuni s-Servizzi ta' Ħidma Soċjali? A : Isir assessjar tas-sitwazzjoni mall-ewwel. Skond l-urġenza li jsib, it-Tim ta' Ħidma Soċjali jiddeċiedi jekk jagħtix is-servizz mill-ewwel, jew inkella jqiegħed it-talba fuq il-lista ta' stennija. Li wieħed ikun ilu fuq il-lista ta' stennija ma jagħtihx dritt li jkollu s-Servizzi ta' Ħidma Soċjali malli jitbattlu l-postijiet.
Q : Hemm ħlas għal dawn is-Servizzi? A : Le, is-servizzi jingħataw bla ħlas.
Q : Dan is-Servizz jistgħu jgawdu minnu persuni b'diżabbilta' li bħalissa qegħdin f'xi istituzzjoni? A : Iva. SAPPORT tagħti dan is-servizz ukoll lin-nies li qegħdin f'istituzzjonijiet.
Q : Is-Servizzi ta' Ħidma Soċjali huma speċjalizzati biex jilqgħu għall-kondizzjoni u/jew id-diżabbilta' tiegħi? A : It-Tim ta' Ħidma Soċjali jagħmel ħiltu biex jilqa' għall-ħtiġijiet ta' kull persuna b'diżabbilta' li tista' tkun teħtieġ is-servizz. Minħabba dan, it-tim jitħarreġ f'oqsma differenti. Jekk ikun hemm il-ħtieġa, jieħu pariri wkoll minn professjonisti oħra barra mill-Aġenzija.
|