Frequently Asked Questions

BulletServizzi ta' Risorsi

Q : Is-Servizzi ta' Riżorsi jaħdmu ma' persuni b'kull tip ta' diżabbilta'?
A : Is-Servizzi ta' Riżorsi jaħdmu ma' kull klijent/a li qiegħed/qiegħda j/tinqeda bis-servizzi ta' Komunita' jew Residenzjali tal-Aġenzija, jew qegħdin taħt fil-proċess li jibdew jieħdu dawn is-servizzi. Billi l-Aġenzija hija responsabbli li tilqa' għall-ħtiġijiet ta' kull persuna b'diżabbilta', hi x'inhi s-sura ta' diżabbilta', is-Servizzi ta' Riżorsi wkoll għandhom jagħtu sapport professjonali lil kull klijent ta' SAPPORT, hi x'inhi d-diżabbilta' li għandu.

Q : X'għajnuna jistgħu jagħtuni s-Servizzi ta' Riżorsi?
A : Bħala persuna b'diżabbilta', jew membru ta' familja li fiha hemm persuna b'diżabbilta', is-Servizzi ta' Riżorsi jagħmlu kuntatt miegħek malli jkun hemm l-approvazzjoni għal Servizzi jew fil-Komunita' jew Residenzjali, hekk kif is-servizz ikun se jibda. Membru tas-Servizzi ta' Riżorsi jqis miegħek il-ħtiġijiet li għandek, hekk li s-servizz li jkollok ikun jaqbel eżatt ma' dak li teħtieġ u tixtieq. Meta tibda tirċievi s-sapport, il-membri tat-Tim ta' Riżorsi jibqgħu jgħinuk, jew billi jipprovdu huma stess is-servizz li tlabt, jew billi jirrevedu mill-ġdid is-servizz li qiegħed tirċievi. Barra minn dan, is-Servizzi ta' Riżorsi jagħtu għajnuna wkoll lill-ħaddiema tas-sapport li qegħdin jgħinuk, ħalli s-servizz li jkollok ikun żgur mill-aqwa.

Q : X'taħriġ professjonali jkollhom il-membri tas-Servizzi ta' Riżorsi?
A : Fis-Servizzi ta' Riżorsi tal-Aġenzija SAPPORT hemm tim ta' professjonisti bi grad ta' l-Universita' konness mal-qasam tad-diżabbilta'. Meta jidħol membru ġdid fis-Servizz ta' Riżorsi, jingħata taħriġ tal-bidu li jinfirex kemm fuq it-teorija kif ukoll fuq il-prattika tax-xogħol li se jkollu f'idejh. L-Aġenzija tintrabat ukoll li tfassal u tipprovdi taħriġ li jibqa' għaddej, f'suġġetti differenti li għandhom x'jaqsmu mad-diżabbiltż' lill-impjegati tagħha kollha, fosthom il-membri tas-Servizzi ta' Riżorsi. Tagħmel il-qalb ukoll lill-impjegati biex imorru għal xi taħriġ barrani li jista' jgħinhom fil-ħiliet u t-tagħlim li jeħtieġu.

Q : Kif taħdem is-sistema "on-call"?
A : Il-membri tas-Servizzi ta' Riżorsi jipprovdu kull ħin, lill-impjegati prinċipali tas-Servizzi kemm Residenzjali kif ukoll tal-Komunitż', iċ-ċans li jieħdu parir minn għandhom meta jsibu ruħhom wiċċ imb'wiċċ ma' sitwazzjonijiet fejn iħossu l-ħtieġa ta' sapport professjonali. Barra mill-ħinijiet normali tax-xogħol, il-membri tas-Servizzi ta' Riżorsi jagħtu servizz on-call, li jfisser li wieħed ikun jista', jekk ikun meħtieġ, jiddiskuti u jkollu sapport ma' xi ħadd minnhom 24 siegħa kuljum, kull ġurnata tal-ġimgħa. Il-membru li jkun on-call jista' jintlaħaq fuq mobile apposta. Il-pariri aktarx jingħataw minn fuq it-telefon; iżda jekk ma jistax isir mod ieħor, il-membru on-call imur fuq il-post biex jagħti aktar għajnuna.

Read in English