|
Fost l-aktar ħwejjeġ li jħassbu lill-ġenituri ta' persuni b'diżabbilta', u oħrajn li jieħdu ħsiebhom, hemm il-ħsieb li ma jafux x'se jiġri minn uliedhom/qrabathom meta huma jiġu nieqsa.
Sa minn Awwissu 2001, kienet twaqqfet id-Diviżjoni għall-Għajxien Issaportjat fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali tal-Ministeru tal-Politika Soċjali bil-ħsieb li jwaqqaf prinċipji, valuri u strateġiji li bihom kellhom jingħataw servizzi lil persuni b'diżabbilta' u lill-familji tagħhom - l-aktar billi jipprovdu għal din il-ħaġa li l-aktar kienet qiegħda tinkwetahom. Id-Diviżjoni ngħatat ir-responsabbilta' li tieħu ħsieb partikulari ta' persuni b'diżabbilta' li juru mġieba qalila, persuni b'diżabbilta' li setgħu jintbagħtu f'xi istituzzjoni, żgħażagħ b'diżabbilt li diġa' qegħdin jgħixu f'istituzzjoni għax m'għandhomx post ieħor fejn joqogħdu, u persuni b'diżabbilta' bi bżonnijiet kbar ħafna.
L-istrateġija prinċipali kienet li aħjar tagħti sapport lill-persuni b'diżabbilta' milli tieħu ħsiebhom, biex sa fejn jistgħu, jaslu biex ikunu indipendenti, jibqgħu jgħixu fil-komunita', u kull meta jeħtieġu, ikollhom sapport.
Għaldaqstant, meta d-Diviżjoni saret Aġenzija fi Frar 2003, kien minn ewl id-dinja li jsejħulha SAPPORT.
Fi kliem il-Kap Uffiċjal Operattiv tal-Aġenzija, Marcel Pisani, l-ewwel 18-il xahar ħtieġu ħafna dinamiżmu, bi tħassib u stress għal kull min kien imdaħħal fl-organizzazzjoni. "Kellna mhux biss inbassru kif kellha tkun l-istruttura ta' l-Aġenzija, l-istrateġija ta' servizzi, naħsbu biex nimpjegaw nies ġodda magħna, inħejju abbozzi ta' policies u proċeduri, iżda wkoll, wara li dan kollu jkun inkiteb, nimplimentawh.
L-aħjar kwalita' ta' għajxien indipendenti - il-ħsieb li Aġenzija SAPPORT kellha twettaq - huwa li tiżviluppa sapport personalizzat, jiġifieri servizzi ta' għajnuna personali skond il-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi ta' kull każ.
Is-servizz ewlieni ta' SAPPORT sar is-Servizz Residenzjali, dejjem bil-ħsieb li jwassal għall-għajxien indipendenti. Għalhekk l-Aġenzjia bdiet tfittex residenzi li jkunu parti minn komunita', u kemm jista' jkun bi ftit persuni biss f'kull dar.
Il-ħsieb tad-djar li ntagħżlu kien mibni fuq x'kien mistenni li jkunu jeħtieġu l-klijenti u r-riżorsi tal-Aġenzija. Dawn jinkludu: żewġ appartamenti ta' l-Awtorita' tad-Djar, wieħed fil-Bini tal-Gvern fil-Fgura, u l-ieħor fil-Bini tal-Gvern ta' Ħal Kirkop; Villino Maria, dar mibnija apposta (propjeta' tal-Gvern) fl-Imtarfa; Residenza Vajrita' f'Wied il-Għajn li fiha tnax-il appartament żgħir. L-Aġenzija tamministra wkoll ftehim bejn il-Ministeru tal-Politika Soċjali, il-Ministeru għal Għawdex, u l-Fondazzjoni Arka li tipprovdi sitt klijenti b'residenza f'Dar l-Arka f'Għawdex.
Wieħed ma jiskantax li f'kull post kien hemm ħafna xogħol iebes xi jsir qabel ma l-klijenti setgħu jidħlu fid-djar ġodda. Fil-postijiet tal-Awtorita' tad-Djar kellhom isiru l-kmamar tal-banju u doċoċ u tiddaħħal l-għamara. Id-dar tal-Imtarfa kellha tinbena mill-ġdid u r-Residenza Vajrita' mqassma mill-ġdid minn kumpless ta' vaganzi ta' 30 kamra tas-sodda għal 12-il appartament żgħir. Dawn ix-xogħlijiet tlestew fi żmien pjuttost qasir, u malli kienu lesti, bdew deħlin l-ewwel klijenti. L-ewwel residenti daħlu fl-appartament tal-Fgura f'Novembru 2002 u sa Diċembru 2003 kienu tħejjew id-djar kollha u kien hemm ir-residenti jgħixu fihom.
Waqt li kien qiegħed isir ix-xogħol ta' strutturar u għamara fid-djar, l-Aġenzija kienet qiegħda tosserva il-persuni li kienu se jmorru fihom bil-ħsieb li tqis sewwa kemm setgħu jaqblu ma' dawk li kienu se jkunu joqogħdu magħhom, kif ukoll tħejji ż-żmien ta' transizzjoni biex il-klijenti jgħaddu mill-postijiet fejn kienu jgħajxu qabel għal dawn ir-residenzi. Din it-tħejjija kienet torbot l-aktar fuq x'laħqu tgħallmu, id-diżabbilta' li kellhom, u kif kienu jġibu ruħhom.
Il-biċċa l-kbira mir-residenti kellhom bżonn programm ta' transizzjoni minn ġimgħatejn sa sitt ġimgħat. Oħrajn, minħabba li kienu f'sitwazzjonijiet iebsin, kellhom idumu wkoll sa sena.
Is-Servizz Residenzjali għen biex itejjeb l-għamla ta' ħajja li kienu jgħixu l-klijenti. Madankollu, la tista' u lanqas hu tajjeb li toffri servizz bħal dan lill-persuni kollha b'diżabbilta'. Bħalma diġa' semmejna, l-aħjar sistema kienet tkun li trawwem il-persuna biex tkun tista' tgħix indipendenti mingħajr ma toħroġha mill-ambjent li tagħżel hi, aktar u aktar jekk il-persuna b'diżabbilt tkun tista' tibqa' mal-familja tagħha stess. Għaldaqstant l-Aġenzija SAPPORT, li dejjem għandha quddiemha dawn il-ħtiġijiet, ħasbet biex twaqqaf is-Servizzi fil-Komunita'. Il-ħsieb ta' din l-istrateġija kien li tgħin lill-persuna b'diżabbilta' fl-ambjent tal-familja u tal-komunita' li hu/hija mdorri/mdorrija tgħix/jgħix fiha, u fl-istess ħin tagħti kull sapport possibbli lill-familja kollha bil-fehma li l-persuna b'diżabbilta' tibqa' toqgħod mal-familja tagħha għal żmien twil kemm jista' jkun. Din l-istrateġija twassal biex il-persuna b'diżabbilta' titqiegħed f'waħda mir-residenzi ta' l-Aġenzija biss jekk ma jkunx jista' jsir mod ieħor.
L-Aġenzija SAPPORT tipprovdi żewġ għamliet ta' sapport fil-komunit li jissejħu Personal Assistance u Intervention. Personal Assistance tagħti sapport dirett biex tgħin lill-persuni b'diżabbilta' fil-ħiliet tal-għajxien ta' kuljum f'darhom, fil-post tax-xogħol u fil-komunita', fejn u kull meta tinqala' l-ħtieġa. Intervention, mill-banda l-oħra, tipprovdi tagħlim u taħriġ għall-persuni b'diżabbilta' biex jitgħallmu u jitrawwmu f'dak li jeħtieġu fil-ħiliet tal-ħajja ta' kuljum, u biex jikkomunikaw ma' ħaddieħor kemm fid-dar kif ukoll fil-komunita'.
Waħda mill-problemi li l-Aġenzija kellha tiffaċċja fil-bidu kienet: kif setgħu nies li jeħtieġu s-servizzi tagħha jintbagħtu għandha? U kif se tagħżel min fosthom kellu ħtieġa akbar biex taqdi lilu qabel l-oħrajn? Għal dan l-iskop twaqqaf Service Allocation Committee (SAC) fi Frar 2003. Dan il-Kumitat għandu l-għan li jiżgura li la jkun hemm diskriminazzjoni u lanqas preferenzi fil-għoti ta' servizzi, għaliex huwa semi-indipendenti.
Żewġ servizzi oħra li jaħdmu fl-istess ħin mas-servizzi Residenzjali u tal-Komunita' huma s-Servizz ta' Riżorsi u s-Servizz ta' Ħidma Soċjali.
Bi qbil mal-prinċipju tal-Aġenzija li tilħaq lil kulħadd u lil kull persuna, is-Servizz ta' Riżorsi jaħdem id f'id mal-persuna b'diżabbilta' sa ma jasal biex ifassal servizzi ta' sapport li jistgħu jgħinu u jagħtu l-ħila lill-persuni b'diżabbilta' li jifhmu kif tidher il-ħajja quddiemhom, u l-ħolm u t-tamiet tagħhom biex itejbu l-livell ta' għixien tagħhom.
Is-Servizz ta' Ħidma Soċjali jaħdem ma' l-individwi b'diżabbilta', il-familji tagħhom jew oħrajn li jieħdu ħsiebhom biex iħollu l-problemi soċjali tagħhom b'mod effettiv. Huwa jwieġeb għat-talbiet kollha ta' għajnuna u jfassal kif se jilħaq ix-xewqat tal-klijent u l-familja (jew min jieħu ħsiebu/ħsiebha) billi teżamina l-każ u tagħti għajnuna għal żmien qasir jew twil skond il-ħtieġa.
L-Aġenzija SAPPORT tagħraf ix-xogħol li qegħdin jagħtu kull wieħed u waħda mill-impjegati tagħha biex iwasslu għal servizzi professjonali. Tapprezza wkoll li ħafna mill-impjegati, b'sens kbir ta' responsabbilt, għamlu tagħhom il-viżjoni ta' l-Aġenzija u ntrabtu biex itejbu l-għamla ta' ħajja tal-klijenti tagħha. Il-ħaddiema tal-Aġenzija jinkludu Support Workers, Professional Support Workers, Supervisors u Social Workers - li jaħdmu direttament mal-persuni b'diżabbilta', flimkien ma' grupp żgħir li jieħu ħsieb id-Direzzjoni u l-Amministrazzjoni.
|